|
Il-maggoranza tal-ewwel familji fil-Fontana kienu bdiewa, imma f’perjodu
qasir kien hawn numru mdaqqas ta’ sajjieda li kienu jaħdmu fil-port
tax-Xlendi sa nofs is-seklu 19, dan peress li ma kienx hemm djar mibnija
fil-port. Is-sajjieda kellhom rwol importanti fil-bini tal-knisja
parrokjali u fit-tkabbir tar-raħal. L-anzjani tar-raħal jiftakru
ħdax-il ekwipagg ta’ dgħajjes tas-sajd f’salt min-nofs is-seklu 19 sa
madwar nofs is-seklu 20. L-ekwipagg ta’ ħdax il-persuna kienu allokati
għal ħdax-il dgħajsa b’numru indaqs ta’ patruni. L-ekwipagg kien
jikkonsisti fi tmien jew disa’ irġiel fl-istaġun tal-lampuki, li jdum
minn l-aħħar ta’ Awwissu sa Novembru. Matul l-istaġun kien ikun hemm
bżonn aktar ħaddiema abbord mis-soltu, u dan ma nbidilx ma’
l-introduzzjoni tal-muturi tad-dgħajjes madwar l-1920. Għalhekk minn 90
sa 100 sajjied professjonali kienu attivi fix-Xlendi.
|